Tfal fi djar residenzjali d- disinjaturi tal-kartolini tal-Milied tal-PM

Clifton Fenech (DOI)

Read in English.

Intgħażlu erba’ tpinġijiet ta’ tfal li jgħixu fi djar residenzjali biex iwasslu l-awguri tal-Prim Ministru lil dinjitarji u persuni oħra f’Malta u lil hinn minn xtutna f’dan iż-żmien tal-Milied.

Iktar minn 50 sottomissjoni ġew evalwati skont l-etajiet differenti minn bord maħtur b’rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti. Is-sejħa kienet ta’ Dr Lydia Abela biex din is-sena jkunu tfal fid-djar residenzjali li joħorġu bid-disinn tal-kartolini tal-Milied għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-erbat itfal jgħixu fil-creche tal-Ursolini Sisters, f’Dar San Ġużepp, fil-Warm Haven (FSWS) u fis-Sempre Viva (FSWS).

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ esebizzjoni tas-sottomissjonijiet kollha fi Spazju Kreattiv, Dr Lydia Abela fissret ix-xogħol tat-tfal u ż-żgħażagħ bħala turija tat-talent straordinarju li jeżisti f’Malta. Dr Abela semmiet messaġġ partikolari ta’ waħda mill-kartolini, li kien jgħid li ‘Għalkemm aħna kollha differenti, xorta għandna bżonn lil xulxin biex niffjorixxu’.

Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli qalet li b’din l-inizjattiva, il-messaġġi dwar il-Milied ħarġu direttament minn fomm it-tfal.

Dan il-proġett, li sar b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, se jwassal biex kull dar residenzjali li pparteċipat se tingħata l-opportunità biex it-tfal u ż-żgħażagħ jattendu lezzjonijiet tal-arti bl-għan li jkomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom.