Tfal jitgħallmu kif jagħrfu riklami foloz u prezzijiet qarrieqa

Read in English.

Il-Fondazzjoni HSBC Malta għal darb’oħra qed tikkollabora fuq programm ta’ litteriżmu finanzjarju maħsub għal tfal żgħar li qed jattendu għadd ta’ ċentri ta’ Skolasajf dan is-sajf.

Fil-qofol ta’ din l-isħubija ma’ ĠEMMA “Know, Plan, and Act” fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, hu workshop bl-isem ta’ “Fact or Fake” fi forma ta’ logħba. Dan il-workshop kien inizjalment żviluppat għall-istudenti tal-ħames u s-sitt sena, u jiffoka fuq l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħrfu l-influwenzi tar-riklamar tal-midja u b’hekk jixtru b’mod responsabbli. Il-workshop għandu l-għan li jinvolvi lill-istudenti f’diskussjoni dwar l-effetti ta’ reklami qarrieqa u b’hekk tippermettilhom jiddistingwu riklami ġenwini minn riklami qarrieqa. Il-workshop jipprovdi wkoll lill-istudenti bl-opportunità li jiddisinjaw ir-riklami tagħhom biex jaqsmu ma’ sħabhom.

David Spiteri-Gingell, Team Leader ta’ ĠEMMA “Know, Plan and Act” qal: “It-tfal tagħna għandhom jiffrankaw il-flus għall-affarijiet li għandhom bżonn u għal affarijiet li finanzjarjament jagħmlu sens. Irridu nagħtu importanza kbira lill-kapaċità finanzjarja f’kull qasam sabiex it-tfal jikbru u jifhmu li wieħed għandu jkun konxju tal-eżistenza ta’ prezzijiet u reklami qarrieqa.”

Il-membri tat-Tim tal-Appoġġ tal-Matematika u l-koordinaturi tal-workshop Amanda Cilia u Analisa Magro jaqblu li t-tfal iridu jkunu konxji tal-prezzijiet qarrieqa, peress li huwa essenzjali biex jiffrankaw il-flus u jużawhom bil-għaqal.

Dermot Galea, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li tmexxi Skolasajf, faħħar is-sħubija annwali mal-HSBC u żied jgħid: “L-introduzzjoni tas-suġġett tal-litteriżmu finanzjarju fil-programm Skolasajf kienet definittivament pass fid-direzzjoni t-tajba, għaliex jgħin lit-tfal jagħmlu għażliet finanzjarji infurmati.”

Glenn Bugeja, Maniġer tas-Sostenibbiltà Korporattiva ta’ HSBC Malta kkonkluda: “Il-Fondazzjoni HSBC Malta hi impenjata ħafna biex tkabbar l-abilità fl-istudenti żgħażagħ biex jifhmu u japplikaw sew l-għarfien u l-ħiliet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja billi jipprovdu lill-istudenti opportunitajiet biex jitgħallmu dwar ippjanar finanzjarju effettiv, tekniki xierqa ta’ bbaġitjar, kif jipprijoritizzaw l-iffrankar u jieħdu deċiżjonijiet razzjonali dwar ix-xiri. Huwa għalhekk li aħna kburin li qed nikkollaboraw u nappoġġjaw lil ĠEMMA u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi fuq dan il-proġett importanti. ”

Dan il-proġett huwa wieħed minn ħafna li l-Fondazzjoni HSBC u ĠEMMA qed imexxu b’kollaborazzjoni biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju fost it-tfal tal-iskola u huwa skedat li jibqa’ sejjer sal-aħħar ta’ Awwissu.

Għal aktar tagħrif dwar programmi ta’ litteriżmu finanzjarju diġitali żur is-sit https://gemma.gov.mt/

Dan it-tagħrif twassal minn HSBC Malta plc.