Tfal ‘jiskru’ fil-midja soċjali daqslikieku qed jikkunsmaw il-junk food

Il-Kummissarju għat-Tfal fir-Renju Unit wissiet lill-ġenituri sabiex jieqfu jħallu ’l uliedhom ‘jiskru’ fil-midja soċjali u jikkunsmaw il-ħin daqslikieku qed jikkunsmaw il-junk food.
Waqt intervista ma’ The Observer, Anne Longfield ċanfret il-mod qarrieq ta’ kif il-ġganti tal-midja soċjali jħarju lit-tfal iqattgħu aktar u aktar ħin fuq il-kompjuter.
Longfield saħqet li t-tfal jinsabu f’riskju li jħarsu lejn il-midja soċjali daqslikieku kien ħelu, u l-ħin dedikat għalih daqslikieku kien junk food.
Saqsiet lill-ġenituri jiħdux gost li wliedhom qed jieklu kuljum xi burger doppju bil-ġobon u l-patata moqlija, u allura l-istess kejl għandu jintuża għall-ħin moħli fuq il-midja soċjali.
Talbithom sabiex ikunu proattivi u jirregolaw huma l-ħin li wliedhom iqattgħu quddiem skrin, speċjalment fi żmien is-sajf.
It-twissija tal-kummissarju mhix diwja fil-vojt.
Is-sena l-oħra rapport wera li t-tfal qed iqattgħu aktar u aktar ħin fuq il-midja soċjali, kif ukoll li t-televiżjoni nqabeż mill-internet bħala l-mezz favorit biex jitqatta’ l-ħin.
Ir-riċerka ta’ Childwise sabet li tfal minn 5 sa 15-il sena jqattgħu medja ta’ 15-il siegħa fuq l-internet fil-ġimgħa, u l-ħin li tfal żgħar ta’ bejn 3 u 4 snin iqattgħu żdied minn 48 minuta għal aktar minn 8 sigħat fil-ġimgħa.