Tfal jiltaqgħu mal-awtur tal-istejjer tat-tfal

Taħriġ prattiku ta’ kitba u żewġ żjarat fi skejjel mal-awtur Rob Lloyd Jones ġew organizzati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu flimkien ma’ Merlin Library fit-3 u l-4 ta’ Mejju.
Għadd ta’ Brillantini tal-Qari pparteċipaw f’laqgħat tal-kitba mal-awtur, meta huwa ddiskuta l-elementi essenzjali li jagħmlu storja tajba, filwaqt li tahom għajnuniet prattiċi fuq kif jinkiteb ktieb.
Jones żar ukoll l-iskejjel primarji ta’ Ħal Lija fil-kulleġġ ta’ Santa Tereża u ta’ Ħaż-Żabbar B fil-kulleġġ ta’ Santa Margerita.
Waqt dawn iż-żjarat, l-awtur qal lill-istudenti kif hu sar kittieb, u ħeġġeġ lit-tfal preżenti, speċjalment dawk li ma tantx iħobbu jaqraw, jagħmlu sforz u jsibu u jaqraw kotba li jispirawhom.
Rob Lloyd kiteb diversi kotba għat-tfal, fosthom Wild Boy u Jake Atlas.