Tfal jaħarqu xi ‘murtali’ qrib il-bandli f’Ħal Safi

Residenti f’Ħal Safi kkummentaw ma’ Newsbook.com.mt li matul il-lejl fl-inħawi tal-bandli f’Misraħ San Mattew qed ikun hemm tfal, li l-eta’ tagħhom tvarja, li qed jaħarqu xi murtali jew materjal ieħor li jagħmel ħafna storbju.

Ir-residenti sostnew li matul din l-aħħar ġimgħa għall-ħabta tal-10.30 u l-11.00 ta’ bil-lejl, dawn it-tfal qed jinġabru ta’ kuljum quddem bieb tal-injam biswit il-bandli fuq il-ħaxix fejn qed jaħarqu bħal murtali.

Minħabba li ż-żona hija waħda miftuħa quddiem l-għelieqi l-ħsejjes qawwija ripetuti qed joħolqu inkonvenjenza kbira lir-residenti biswit b’mod speċjali lill-anzjani.

Apparti l-periklu li jiżviluppaw xi nirien.

L-istess residenti li tkelmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li saru diversi rapporti dwar il-ħsejjes lill-Pulizija u fl-inħawi hemm ukoll tabelli tan-Neighbourhood Watch.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li filwaqt li l-bandli huwa miżmum tajjeb fil-madwar qed jitħalla l-iskart.