Tfal imħeġġa jaddottaw nanna jew nannu

Tnediet l-inizjattiva “Addotta Nanna jew Nannu” bil-għan li ttaffi xi ftit is-solitudni li jħossu anzjani waħidhom, filwaqt li fl-istess ħin jikber id-djalogu bejn it-tfal u l-anzjani.

Is-Segretarji Parlamentari Anthony Agius Decelis u Julia Farrugia Portelli żaru dar tal-kura tal-anzjani fl-Imsida fejn ħeġġew lil tfal jibdew iżuru lil dawk l-anzjani li m’għandhomx qraba li jmorru jarawhom.

Anthony Agius Decelis qal li hija sfortuna li għad hawn min jabbanduna lill-ġenituri tiegħu meta jikbru, filwaqt li Farrugia Portelli saħqet dwar l-aspett legali u r-rispett li għandu jintwera lejn l-anzjani.

Irreferew għall-inizjattivi tal-Gvern f’dan is-settur fosthom proġett pilota li sar fir-Residenza San Vinċenż de Paul u Mater Dei biex notifiki ta’ twelid u mwiet jibdew isiru minn dawn iż-żewġ postijiet stess. Huma qalu li huwa l-pjan tal-Gvern li dan is-servizz jiġi estiż fid-djar tal-anzjani kollha.