Tfal fl-iskejjel imħeġġa jitrabbew f’ambjent sportiv

Studenti minn diversi skejjel sekondarji kellhom l-opportunità li jsiru jafu iktar kif jistgħu jiżviluppaw ċertu ħiliet permezz tal-isport.
F’seminar li ttella’ fl-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport fl-Università ta’ Malta organizzat mill-klabb tal-Volleyball ta’ Birkirkara, l-istudenti kienu infurmati dwar l-importanza li titrawwem kultura sportiva u stil ta’ ħajja b’saħħitha sa minn età żgħira.
Tul is-seminar ittellgħu diversi workshops minn professjonisti li jitrattaw diversi oqsma ta’ ħiliet marbuta mal-isport fosthom in-nutrizzjoni, il-fiżjoterapija, l-użu ta’ lbies addattat għall-isport u l-psikoloġija tal-isport.
Fil-ftuħ tas-seminar li huwa parti minn proġett #Volley4All, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli saħqet fuq l-importanza li sa mill-bidu nett anke fi skejjel tal-kindergarten, tinbet kultura ta’ sport li twassal biex it-tfal jitgħallmu jaħdmu f’ambjent ta’ tim u fi spirtu ta’ kompetittività.
Fl-istess ħin dan ibiegħed mit-tendenza li t-tfal jidraw għażżenin jilagħbu b’apparat elettroniku mill-kumdità tad-dar.

Ritratt: DOI – Jason Borg