Tfal fil-fostering jistgħu jiġu adottati wara 3 snin f’każijiet straordinarji

DOI - Reuben Piscopo

Wara diversi snin ta’ stennija l-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri daħlet fis-seħħ. Din il-liġi se tkun qed tipprovdi ordnijiet għall-protezzjoni tal-minuri, u tistabbilixxi ħarsien alternattiv u protezzjoni xierqa għall-istess minuri.

Fost id-diversi tibdiliet li saru f’din il-liġi, minuri li jkunu fil-kura tal-foster carers għal ħames snin dawn jistgħu jitolbu li jiġu adottati. F’każijiet straordinarji il-foster carers jistgħu jitolbu biex jadottaw it-tfal wara  tliet Review Reports pożittivi. Il-Qorti tal-Ġurisdizzjoni Volontarja tista’ tilqa’ t-talba għall-adozzjoni tal-minuri anke jekk il-minuri jkun ilu fil-kura u l-kustodja tal-foster carer għal tliet snin.

Id-dettalji dwar din il-liġi ngħataw mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu. Il-Ministru Michael Falzon elenka numru ta’ bidliet li saru riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika mifruxa fuq xhur.

Spjega li l-adozzjoni f’dawn iċ-ċirkostanzi għandha tingħata bil-kundizzjoni li d-drittijiet ta’ aċċess għal dawn il-minuri jkunu kemm jista’ jkun miftuħa għall-ġenituri bijoloġici u għall-aħwa, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

Permezz ta’ din il-liġi, issa se jingħata d-dritt lil ġenituri jew dak li għandhom kustodja tat-tfal, biex jappellaw mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ittieħdet fil-konfront tagħhom.

Il-konsulent ewlieni fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, l-Avukat Andy Ellul, stqarr li se jiġi mssaħħaħ ukoll il-Bord  ta’ Reviżjoni għall-Ħarsien tal-Minuri. Tant li minn issa, f’dan il-Bord  għandu jkun hemm chairperson li jkollu warrant ta’ avukat, jew professjonist ieħor bil-warrant fil-qasam soċjali u li jkollu mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali fil-liġi tal-familja jew tal-minuri, jew ikun espert fil-qasam soċjali u ħadem fl-istess qasam għal minn tal-anqas ħames snin.