Tfal ffosterjati jistgħu jiġu addottati wara ħames snin

Hekk kif għadu kemm ġie ppubblikat l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, se jidħlu fis-seħħ diversi tibdiliet li jolqtu direttament il-protezzjoni tat-tfal. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li fost it-tibdiliet li saru, minuri li jkunu fil-kura u l-kustodja ta’ foster carer għal aktar minn ħames snin, jistgħu jiġu addottati wara li jkun hemm rikors il-Qorti. Dan it-terminu tnaqqas minn għaxar snin għal ħames snin.

Tibdil ieħor li sar permezz ta’ dan l-att huwa li jekk professjonist jagħmel rapport lid-Direttur tal-Protezzjoni tal-Minuri jew lill-pulizija dan ir-rapport bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jwassal għal xi forma ta’ reat jekk dan ir-rapport ma jirriżultax.

Sar ukoll tibdil fin-numru ta’ membri tal-Bord tar-Reviżjoni għall-Ħarsien tal-Minuri kif ukoll fil-Bord tal-Fostering, bil-membri jiżdiedu minn ħamsa għal sebgħa.

Il-Ministru qal li din il-liġi se tkun qed tara li kull deċiżjoni li ttieħed se tkun fl-aqwa interess tat-tfal. Huwa spjega li dan l-att se jkun qed jistabilixxi ħarsien alternattiv aktar miftuħ minn dak li jeżisti bħalissa u jagħti protezzjoni xierqa lill-minuri li jkollhom bżonn xi forma ta’ protezzjoni.

Ix-Shadow Minister Claudio Grech li kien preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kellu kliem ta’ tifħir għat-tfassil ta’ din il-liġi u qal li l-Oppożizzjoni tara din il-liġi bħala waħda ħolistika u li se tkun qed tindirizza sitwazzjonijiet li s’issa ma nstabx rimedju għalihom.