Tfal bil-coronavirus fl-isptar iridu jibqgħu waħedhom

Beppe Galea

It-tbatija li qed tikkawża l-pandemija qed tolqot anke lit-tfal morda bil-coronavirus, hekk kif dawn, skont kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa ma jkunux jistgħu jkunu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom waqt li jkunu l-isptar. Hija tip ta’ tbatija differenti li ġġib magħha l-marda, madanakollu wieħed jifhem li dan isir għall-ġid tat-tfal u ta’ qrabathom.

Newsbook.com.mt staqsa lil kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa dwar jekk qraba jistgħux iżuru persuni taħt it-18-il sena li jkunu qed jinżammu l-isptar għax ikunu morda bil-COVID-19. Newsbook.com.mt staqsa wkoll jekk pazjenti li jkunu qed imutu minħabba l-coronavirus jistgħux jitħallew jaraw lill-qraba tagħhom fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.

“Minħabba raġunijiet ovvji mhux permess li jsiru viżitaturi lill-pazjenti morda bil-Covid-19,” qalet il-kelliema.

Ir-risposta tal-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa

Għall-mistoqsija dwar jekk dawn il-pazjenti li jkunu fl-aħħar ta’ ħajjithom jistgħux ikunu kkonfortati minn qassis, il-Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li “minħabba raġunijiet ovvji mhux permess li jsiru viżitaturi lill-pazjenti morda bil-Covid-19″. Madanakollu, dwar dan, Fr Bertrand Vella OFM Cap., il-Kappillan tal-Isptar Mater Dei qal ma’ Newsbook.com.mt li mhux minnu li qassis ma jistax iżur lil marid. Spjega li l-qassisin jilbsu lbies protettiv u li minn nhar it-Tnejn li ġej se jkollhom ilbies apposta. Fr Bertrand qal ukoll li diġà assistew lill-pazjent tal-COVID-19 li jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei.

Fl-Ingilterra, il-qraba tal-pazjenti li jkunu qed imutu qed ikollhom jużaw videolinks biex ikellmu lill-maħbubin tagħhom. Is-sit The Guardian irrapporta dwar każ ta’ omm u żewġt itfal li raw lil missierhom jieħu l-aħħar nifsijiet tiegħu permezz ta’ filmati onlajn. Infermiera familjari mal-każ qalet li kien ta’ qsim il-qalb li r-raġel kellu jmut waħdu u li l-famlija tiegħu lanqas setgħet iżżomlu jdejh. Però, qalet li għallinqas setgħu jarawh fl-aħħar mumenti tiegħu.

Fl-Italja ħafna vittmi tal-COVID-19 qed ikollhom iqattgħu l-aħħar ġranet ta’ ħajjithom waħedhom f’iżolament. Minħabba r-riskju ta’ infezzjoni, il-qraba ta’ dawn il-pazjenti mhumiex qed jingħataw il-permess li jmorru qribhom. Is-Segretarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Bergamo qal lil CBS News li hemm weġgħat kbar.

F’Malta raġel ta’ 72 sena jinsab f’kundizzjoni kritika fl-ITU fuq il-ventilator, skont il-Prof. Charmaine Gauci. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar ġurnata ġew reġistrati 10 każi ġodda. Saru wkoll 467 swab tests.