“Tfal b’diżabilità għandhom ikunu involuti fid-deċiżjonijiet li jittieħdu għalihom”

Is-soċjetà ma tistax tieħu deċiżjonijiet għat-tfal b'diżabilità mingħajr ma dawn ikunu involuti fil-proċess tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Fuq dan il-prinċipju, il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà nidiet diskussjoni pubblika bl-isem: "Isma' ħa ngħidlek: Lejn iżjed għarfien tad-dritt għall-parteċipazzjoni tat-tfal b’diżabilità".
Id-diskussjoni kienet ukoll marbuta mat-tnedija tal-ktieb "The Disabled Child’s Participation Rights" miktub minn Dr Anne-Marie Callus u Dr Ruth Farrugia.
Waqt diskors tal-okkażjoni, il-President ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li qed tieħu gost li d-drittijiet umani tat-tfal b’diżabilità qegħdin, sa fl-aħħar, jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom.
Il-President qalet li huwa d-dmir ta’ kulħadd; kemm dawk li jfasslu l-politika nazzjonali, kemm l-edukaturi, u kemm il-professjonisti, li jassiguraw li l-parteċipazzjoni ta’ kull tifel u tifla fis-soċjetà tkun meqjusa u aċċettata bħala dritt fundamentali. 
Fuq l-istess binarji, tkellmet is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana.
Hija saħqet li t-tema tad-diskussjoni pubblika, tinkwadra perfettament mal-motto internazzjonali fil-qasam tad-diżabilità: "Nothing about us, without us", anke fejn jidħlu t-tfal.
Qalet li s-soċjetà trid tagħti vuċi u tisma' lit-tfal b'diżabilità.
Waqt li fehmet li ħafna deċiżjonijiet iridu jittieħdu mill-ġenituri u mill-policymakers, tenniet li d-deċiżjonijiet ikunu jagħmlu sens u jkunu effikaċi biss jekk wieħed jifhem sew xi jridu t-tfal permezz tal-involviment dirett tagħhom.