Tfal addottati se jsiru ċittadini Maltin awtomatikament – Il-Prim Ministru

Il-Gvern se jressaq proposta għal bidla fil-liġi biex tfal addottati jieħdu ċ-ċittadinanza Maltija b’mod awtomatiku, peress li s-sitwazzjoni bħalissa hi li l-ġenituri addottivi jridu jmorru l-qorti u jagħmlu proċess sħiħ biex it-tfal jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija.

Dan ingħad mill-Prim Ministru Joseph Muscat, hu u jindirizza l-ewwel Konferenza Nazzjonali f’Malta dwar l-Addozzjonijiet. Il-Prim Ministru qal li dawn it-tfal m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor u għalhekk għandu jkollhom dinjità bla ebda distinzjoni.

Il-Gvern jgħin 29 koppja biex jaddottaw it-tfal

Il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon żied jgħid li l-Gvern mhux biss se jkompli bl-impenn finanzjarju biex jassisti koppji li jaddottaw tfal, iżda se jkompli jiffaċilita l-proċessi addottivi, billi pereżempju ħadem biex jonqos iż-żmien fil-proċess tal-addozzjoni, u billi saru tibdiliet fil-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal biex tfal li jkunu ilhom ħames snin jiġu ffosterjati, ikunu jistgħu jiġu addottati.

Tfal ffosterjati jistgħu jiġu addottati wara ħames snin

Din il-konferenza kienet organizzata mill-Ministeru għall-Familja u Drittijiet tat-Tfal flimkien mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali.