Tfajliet Pakistani jissieħbu f’kongregazzjoni ta’ Sorijiet Maltin

Sr. Ilaria ma' grupp ta' tfal u tfajliet li kienet tieħu ħseib fil-Punjab

Illum, hemm aktar minn 40 tfajla Pakistana li daħlu sorijiet fil-Kongregazzjoni Maltija tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-ħidma tas-sorijiet Maltin fil-Pakistan, fosthom Madre Ilaria li ilha 51 sena taħdem fil-Pakistan, kienet strumentali biex ixxettlu dawn il-vokazzjonijiet.

Aqra: Soru Maltija fil-missjoni titgħallem il-lingwa ta’ kull raħal li żżur

Fl-1991, id-dover sejjaħ lil Madre Ilaria, li kien ilha s-snin taqdi l-missjoni fil-Pakistan, biex terġa’ tmur taqdi l-missjoni tagħha f’Mathli, fejn damet tliet snin oħra.

Tfajliet li 20 sena qabel kienet ħalliethom student żgħar fil-primarja, issa kienu kollha jew kważi kollha żżewġu.  Madre Ilaria hawnhekk kienet tagħmel ħafna xogħol pastorali, iżżur il-familji fqar fl-irħula tal-madwar, xi drabi akkumpanjata minn qassis.

Kull nhar ta’ Ġimgħa kienet tiġbor numru ta’ tfajliet biex tgħallimhom il-Bibbja. Ħafna minn dawn ma kinux jafu jaqraw u allura riedu min jgħallimhom. Kienet tgħallimhom ukoll il-kant għall-Quddiesa tal-Ħadd u tedukahom ukoll dwar l-iġjene personali tagħhom.

Familji mkissra

F’din il-ħidma Madre Ilaria ltaqgħet ma’ ħafna familji mkissra jew bi problemi u kienet tipprova tgħinhom kif tista’. Ħafna tfajliet li kienu jattendu l-Boarding House meta kienet f’dan il-villaġġ snin qabel, kienu jistednuha għat-tieġ tagħhom li fil-Pakistan id-drawwa hi li ż-żwieġ ikun ċelebrat mal-għabex, qabel jisbaħ jum ġdid.

Fl-1994 Madre Ilaria ntalbet tmur toffri l-ħidma tagħha, f’post differenti, lingwa differenti.  Din id-darba f’Chichawatni fejn damet sal-1998.

Hawnhekk reġgħet bdiet tieħu ħsieb Boarding School oħra, barra li tieħu ħsieb torganizza l-attivitajiet fil-knisja tar-raħal u tagħmel xogħol pastorali, ddur il-familji, l-aktar dawk fil-bżonn.

Aktar tfajliet Pakistani nibtet fihom il-vokazzjoni reliġjuża u Madre Ilaria tieħu ħsieb tippreparahom għan-novizzjat.

Inqatlet soru Maltija

Fl-1998, fil-kunvent tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Mirpurkas, seħħ incident li ħalla marka kbira mhux biss fuq il-komunità tas-sorijiet fil-Pakistan u f’Malta imma fuq in-nies kollha ta’ dak ir-raħal.  Raġel kien daħal fil-kunvent tas-sorijiet u qatel ru Maltija, Suor Marcellina Tabone. Ir-raħal kien inħakem minn biża’ kbir.

F’dawn iċ-ċirkostanzi drammatiċi, Madre Ilaria ntbagħtet biex tieħu post is-soru maqtula f’Mirpurkas. Minkejja l-periklu u l-biża’ hi aċċettat.

Hemmhekk bniet kunvent ġdid, aktar sigur. Bniet Boarding School ġdida. U kellha żżid il-klassijiet fi skola li kienu jmexxu s-sorijiet għal 1,4,00 tifel u tifla mill-kindergarten sal-Matrikola.

F’dan il-kunvent, Madre Ilaria damet għal 15-il sena sħaħ, sal-2012. Hemmhekk tmien tfajliet Pakistani ngħaqdu mall-kongregazzjoni.

Fl-2012, it-tmexxija tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ruma, għażlet lil Madre Ilaria biex tkun Madre Provinċjali responsabbli mill-kunventi li l-komunità kellha mxerrda mal-Pakistan kollu u fil-Filippini.

Ir-responsabbiltajit komplew jikbru.  Il-Kongregazzjoni għandha 11-il dar fil-Pakistan u 2 oħra fil-Filippini flimkien ma żewġt idjar ta’ formazzjoni għal sorijiet ġodda.

F’din il-provinċja hemm 60 soru li llum tnejn biss minnhom huma Maltin, Madre Ilaria u soru oħra, il-bqija kollha sorijiet Pakistani.  Barra minn dawn hemm ukoll tliet Novizzi, erba’ Postulanti u tliet Aspiranti.

Fil-Filippini l-Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù għandhom żewġt idjar.  Hemmhekk hemm soru waħda Maltija, sitta Pakistani, waħda mill-Filippini stess flimkien ma’ żewġ Novizzi mill-Bangladesh, żewġ Postulanti mill-Filippini u Aspiranta mill-Bangladesh.

51 sena ta’ ħidma missjunarja, f’pajjiż predominantement Musulman, fejn l-insara, l-aktar il-Kattoliċi huma persegwitati, m’humiex ċajta.  Pajjiż fejn il-Gvern ma jgħin bl-ebda mod il-ħidma missjunarja anzi ħafna drabi jfixkilha.

Matul dawn is-snin, Madre Ilaria ħabbet u ħadmet, ikkurat u għallmet lil eluf ta’ tfal subien u bniet.  Xorbu mill-esperjenza tagħha madwar 40 tfajla li llum huma sorijiet professi fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Is-sodisfazzjoni hu kbir. L-esperjenzi, koroh u sbieħ. Fost l-isbaħ esperjenzi dik li Madre Ilaria għamlet ma’ grupp imdaqqas ta’ tfajliet u ġuvintur għomja. Taħt it-tmexxija tagħha dawn tgħallmu l-lingwa tal-Brail, tgħallmu l-mużika u llum ħafna minnhom sabu posthom fis-soċjetà.

Is-sodisfazzjon tagħha hu meta kultant tiltaqa’ ma xi raġel jew mara li bilkemm għadha tagħrafhom għax kibru minn tfal kif kienet tafhom hi u jgħidulha li llum mhux biss għandhom familja, imma xi ħadd laħaq Professur, avukat jew tabib.

Dan kollu setgħet tagħmlu bl-għajnuna ta’ ħafna li kull sena jagħmlu d-donazzjonijiet tagħhom lill-Opri Missjunarji Pontifiċji li mbagħad kienu jibgħatulha l-flus biex tagħmel il-proġetti u taqdi l-foqra u l-batuti, u lil numru ta’ karitajiet oħra internazzjonali li jingħatulha, flus, ikel u mediċinali x’tista’ tqassam mill-kliniċi, l-iskejjel u l-kunventi tas-sorijiet.

Minn hawn u ftit jiem oħra, Madre Ilaria, mimlija enerġija u mħabba, se tirritorna lejn il-Pakistan biex tkompli l-missjoni tagħha ta’ mħabba.  Nitolbu għaliha.