Tfajla tinstab mejta f’lukanda f’Tas-Sliema

Għada fl-isptar Mater Dei se ssir l-awtopsja fuq tfajla Pollakka li nstabet mejta fil-kamra tagħha f’lukanda f’Tas-Sliema.
Din l-awtopsja se tistabbilixxi l-kaġun tal-mewt għaliex mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija ma jirriżultax li kien hemm terzi persuni nvoluti.
It-tfajla, li għandha 18-il sena instabet mejta fil-kamra tagħha mill-persuna responsabbli mill-grupp wara li naqset milli tidher quddiem il-lukanda biex tirkeb it-trasport.
Il-Pollakka kienet ilha Malta dawn l-aħħar tliet ġimgħat biex tistudja. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat inkjesta.
Il-Pulizija infurmaw il-ġenituri tat-tfajla u qed tinvestiga l-każ. 
Sakemm joħroġ ir-riżultat tal-awtopsja mhux eskluż li t-tfajla ħadet xi mediċini, alkoħol jew droga. 

Ritratt: Media Police