Tfajla tiftaħ protest ġudizzjarju kontra Mater Dei u St James

Żagħżugħa ta’ 20 sena fetħet protest ġudizzjarju kontra l-amministrazzjoni tal-isptarijiet St James u Mater Dei u kontra l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi.
It-tfajla qed takkużahom li minħabba negliġenza min-naħa tagħhom, kienet kważi tilfet ħajjitha.
Dan għaliex id-dijanjożi tal-isptar kienet li hi kienet qed tbati minn uġigħ f’daharha meta kellha infezzjoni li tista’ twassal għall-mewt.
Il-każ seħħ f’Ottubru li għadda meta t-tfajla, li hi barranija, daħlet fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei tbati minn uġigħ qawwi f’daharha.
Qalet li l-uġigħ tant kien qawwi u tant damet tistenna li ddeċidiet li tmur l-Isptar Saint James minflok.
Fil-protest ġudizzjarju, il-mara qalet li t-tabiba tal-isptar privat ordnatilha tieħu mediċina ta’ kontra l-uġigħ u bagħtitha d-dar.
L-istess ġara erbat ijiem wara meta marret l-Isptar Mater Dei, iżda l-għada spiċċat mal-art wara li ħassha ħażin.
Hi kellha tiddaħħal għal kura intensiva u spiċċat tagħmel żewġ operazzjonijiet. It-tfajla għadha s’issa ma fiqitx għal kollox u qed tiffaċċja l-possibiltà ta’ iktar operazzjonijiet.
Hi qed titlob kumpens finanzjarju għaliex qed tinsisti li b’kura f’waqtha kien jiġi evitat dan kollu.