Tfajla ta’ 16-il sena, ġurnalisti f’ħabs u spijja Amerikan innominati għall-Premju Sakharov

Nies u għaqdiet minn sitt pajjizi b’kultura differenti huma n-nominati għall-Premju Ewropew “Sakharov” li jirrikonoxxi ħidma favur id-drittijiet tal-bniedem li tinkludi l-libertà tal-ħsieb.

Fl-1988 il-Parlament Ewropew kien għażel lill- eks President tal-Afrika t’Isfel, Nelson Mandela, bħala l-ewwel rebbieħ ta’ dan il-premju.

In-nominati għall-premju ta’ din is-sena huma:

Malala Yousafzai – Studenta Pakistana ta’ 16-il sena li taħdem ħafna għad-drittijiet tan-nisa fid-distrett ta’ Swat, fejn it-Talibani kemm il-darba ma ħallewx lit-tfajliet milli jattendu l-iskola.  Fl-2009 saret magħrufa mad-dinja kollha wara li kitbet blogg anonimu fuq il-BBC tirrakkonta ħajjitha taħt it-tmexxija tat-Talibani. F’Ottubru 2012 it-Talibani ppruvaw jisparawlha u joqtulha.

Edward Snowden – Espert tal-kompjuters li kien jaħdem mal-Aġenzija għas-Sigurtà tal-Istati Uniti u ammetta li għadda programmi sigrieti ta’ sorveljanza lil xi mezzi tax-xandir. Snoweden ġie akkużat bi spjunaġġ mill-Istati Uniti u bħalissa qed jgħix eżiljat fir-Russja. HU ġie nnominat għaliex issogra ħajtu biex jitfa’ dawl fuq l-abbuż li kien qed jagħmel is-ervizz sigriet Amerikan.

Reeyot Alemu u Eskinder Nega – Żewġ ġurnalisti Etijopjani li spiċċaw maqfula fil-ħabs fuq akkużi ta’ terroriżmu. Reeyot Alemu ntbagħtet il-ħabs f’Jannar 2012 wara li kitbet artiklu kontra l-gvern.  Eskinder Nega ntbagħt il-ħabs sitt xhur wara, talli kkritika kif jiġu kkritikati l-ġurnalisti fl-Etijopja u anke talli ta x’jifhem li fl-Etijopja seta’ jingħata bidu għal moviment favur id-demokrazija.

Ales Bialatski, Eduard Lobau u Mykola Statkevich – Jirrappreżentaw il-politiċi mill-Belarus li jinsabu maqfula fil-ħabs. Dawn it-tlieta ilhom fil-ħabs minn Diċembru 2010 wara li fil-belt ta’ Minsk ipprotestaw kontra l-elezzjoni presidenzjali li kkonfermaw it-tmexxija tal-President Alexander Lukashenko.

Mikhail Khodorkovsky – Negozjant Russu li ġie arrestat fil-25 ta’ Ottubru 2002 wara li akkuża lil Vladimir Putin b’korruzzjoni u talbu għal sistema ġudirika indipendenti u li tiġi rrispettata l-Liġi. F’Mejju 2005 Khodorkovsky ġie akkużat bi frodi u ntbagħat disa’ snin ħabs. F’Diċembru 2010 ġie akkużat b’iktar akkużi u s-sentenza twalet sal-2017.

Id-dimostranti "Standing Man" – Erdem Gündüz kien l-ewwel raġel li f’Ġunju li għadda qagħad bil-wieqfa u ma jiċċaqlaqx fi Pjazza Taksim f’Istanbul, bħala protesta għal aktar drittijiet tal-bniedem. Ftit wara, aktar nies ingħaqdu miegħu u din il-protesta spiċċat simbolu ta’ paċi.

Il-proġett ta’ ħelsien tas-CNN:  Ending Modern-Day Slavery – Proġett mifrux fuq diversi mezzi ta’ komunikazzjoni kontra l-ittraffikar tal-bniedem, l-iskjavitù u x-xogħol tat-tfal.  Mill-2011, din il-kampanja ħarġet iktar minn 400 rapport dwar it-tbatija tal-vittmi fil-Mawritanja, l-Indja u l-Filippini.  

Fit-30 ta’ Settembru li ġej minn dawn is-sebgħa se jintagħżlu tliet finalisti.  Ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov se jintagħżel fl-10 ta’ Ottubru fi Strassburgu u jingħata l-premju fl-20 ta’ Novembru.