Tfajla mhedda b’oġġett bil-ponta; jeħdilha l-mowbajl

CMRU

Tfajla ta’ 19-il sena ġiet mhedda b’oġġett bil-ponta biex tagħti flusha.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li l-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-11.30pm. It-tfajla stqarret li kienet barra l-appartament tagħha tpejjep, hekk kif avviċinaha raġel.

Allegatament, huwa kellu oġġett jaqta’ u bil-ponta, u talabha flusha. Hekk kif stqarret li m’għandhiex flus fuqha, huwa talabha l-mowbajl u ħarab minn fuq il-post immedjatament wara.

Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.