Tfajla ffastidjata u aggredita fil-bini tal-ETC f’Ħal Far

Tfajla ta’ 20 sena ġiet iffastidjata u aggredita minn raġel allegatament Tuneżin, fil-bini tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ f’Ħal Far.
Ma’ Newsbook.com.mt, it-tfajla rrakkuntat kif nhar is-Sibt li għadda, raġel ħebb għaliha u ffastidjaha meta flimkien ma’ tlieta minn sħabha marret bħas-soltu għall-kors organizzat mill-ETC.
Spjegat kif malli pparkjaw il-karozza, ir-raġel taha fastidju u baqa’ miexi warajhom. Qalet li l-uffiċjal tas-sigurtà fl-entratura tal-ETC qaltlu li dak ir-raġel mhux magħhom u li qed jittantaha.  Madanakollu r-raġel allegatament tħalla jidħol warajhom, u x’ħin waslu ħdejn il-vending machines, allegatament ħadilhom il-mowbajls u fetħilha l-basket u ħadilha l-portmoni.
It-tfajla rrakkuntat kif irnexxielha teħodlu l-portmoni, u beda jheżżiża mal-ħajt. Spjegat kif qalilha li jagħtiha l-affarijiet lura jekk ikollha x’taqsam miegħu sesswalment. Qaltlu li se jċemplu lill-pulizija u weġibha li mhux se jibża’ għax kien diġà skonta sentejn priġunerija barra minn Malta.
Flimkien ma’ sħabha reġgħet telgħet qrib l-entratura tal-ETC biex jistennew il-pulizija. Hemmhekk, tliet immigranti Somali miċ-Ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far bdew iżommu lit-Tuneżin.  Qalet li l-Maltin li kienu hemm ma tawhom l-ebda għajnuna.
It-tfajla spjegat kif malli ġew il-pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, it-Tuneżin allegatament gidem lill-pulizija. Flimkien ma’ sħabha marret l-għassa taż-Żejtun biex tagħmel rapport.  Ir-raġel ittieħed l-għassa fejn ġie interrogat mill-pulizija.
Appellat lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex ikun hemm żewġ uffiċjali tas-sigurtà mal-entratura, biex ikun hemm aktar sigurtà.