Stuprata tfajla bla dar; 2 arrestati

Żewġ irġiel qed jinżammu arrestati talli stupraw tfajla ta’ 14-il sena li kienet bla dar.

Iż-żewġ Afrikani ta’ 28 sena, wieħed mill-Mali u l-ieħor min-Niġerja, tressqu l-Qorti talli stupraw it-tfajla, talli kkorrompew u wettqu atti sesswali ma’ persuna taħt l-età, li involvewha fil-prostituzzjoni u għexu permezz tal-flus li hi qalgħet mill-prostituzzjoni.

Ir-raġel mill-Mali ġie akkużat ukoll li hu reċidiv u li saq mingħajr liċenzja.

Il-Pulizija sabu lit-tfajla tħuf fit-toroq, u meta qaltilhom bl-istorja tagħha, huma arrestaw liż-żewġ akkużati.

L-irġiel xehdu mhux ħatja u talbu għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li l-Ispettur tal-Prosekuzzjoni oġġezzjona għal din it-talba minħabba s-serjetà tar-reat u n-nuqqas ta’ rabta li l-irġiel għandhom ma’ Malta.

Wieħed mill-irġiel joqgħod f’garaxx fil-Ħamrun ma’ 8 oħra, u l-ieħor m’għandux fejn joqgħod.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet irrifjutata.

Il-vittma żagħżugħa issa qiegħda tingħata għajnuna minn xi social workers.