Aġġornata: Tinstab it-tfajla b’kunjom Malti wara l-attakk fit-Tuneżija

Aġġornata 5pm
Lena Tanti nstabet qawwija u sħiħa wara li kien irrappurtat li kienet għadha nieqsa wara l-attakk terroristiku li seħħ ilbieraħ.
It-tfajla ta' 25 sena kienet qiegħda f'lukanda differenti minn dik ta' fejn saru l-attakki, madwar sagħtejn il-bogħod.
Aktar kmieni kien maħsub li tfajla minn Wales li għandha kunjom Malti hija fost il-persuni li għadhom rappurtati nieqsa wara l-attakk terroristiku tal-bieraħ fit-Tuneżija.

Il-kuġin tagħha Chris Spiteri ta' 29 sena u li jgħix f'Cardiff, kiteb lill-BBC jesprimi t-tħassib tiegħu dwarha għax jaf li kienet vaganza fit-Tuneżija, u baqgħet mhux qed tirrispondi l-mowbajl tagħha.
Qal li bagħtilha wkoll diversi messaġġi fuq Whatsapp li baqgħu mhux imwieġba.

Kelliem mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkonferma ma' Newsbook.com.mt li l-Gvern Malti għadu qed jistenna aktar informazzjoni dwar dan il-każ.
Semma li f’Wales hemm komunità żgħira ta’ Maltin u mhux eskluż li l-mara jkollha xi rabta ma’ Malta.

Madankollu qal li sa issa għad m'hemm xejn ikkonfermat u li għadu qed jistenna tweġiba.
Ritratt: Facebook