Tfajla arrestata fin-Naxxar; kellha droga u armi

Tfajla ġiet arrestata fin-Naxxar wara li nstab li kellha fuqha l-kannabis u xi armi rregolari.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Pulizija li spjegat li l-arrest tat-tfajla li għandha 24 u toqgħod il-Mosta seħħ wara ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga assistiti mill-membri tar-Rapid Intervention Unit.

Il-Pulizija sabet ammont żgħir tal-pjanta kannabis, armi rregolari u strument bil-ponta fil-vettura tat-tfajla. It-tfajla ppruvat taħrab bil-vettura meta ġiet imwaqqfa mill-Pulizija u saħansitra rreżistiet l-arrest.

Mhux eskluż li titressaq il-Qorti dalgħodu taħt arrest b’rabta mas-sejba.