Filmat: ‘Tfajjel ċkejken’ biċ-Ċiniż b’riżq id-Dar tal-Providenza

Mhux soltu li tisma’ żewġ Ċiniżi jkantaw kanzunetta li rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest.
Pero' dan hu li se jiġri fil-kunċert li Chang Xinan u Xue Kong Linhzehn, persuni b’diżabilità li jużaw is-siġġu tar-roti, se jagħtu b’riżq id-Dar tal-Providenza nhar il-Ġimgħa li ġej.
F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt li saret fid-Dar tal-Providenza, Chang Xinan u Xue Kong Linhzehn li jagħmlu parti minn grupp ta’ tnax-il artist u filantropi Ċinizi mill-Beijing Soul Inspiring Art Troupe, kantaw il-kanzunetta Tfajjel ċkejken bil-Malti.
Ma’ Newsbook.com.mt id-direttur tad-Dar tal-Providenza Fr. Martin Micallef f’isem ir-residenti wera l-apprezzament li nies minn tant bogħod japprezzaw ukoll il-ħidma ta’ din id-dar u stieden lill-poplu Malti jattendi għall-kunċert.
Il-kunċert se jsir il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru fis-7pm fis-Sala Sr Nemesia Villa, fl-Immaculate Conception School f’Ħal Tarxien.
Iż-żewġ kantanti u l-carers tagħhom qed joqogħdu fid-Dar tal-Providenza.
Intant, il-grupp illum preżenta lid-Direttur Fr. Martin Micallef għadd sabiħ ta’ pitturi li aktar tard se jiġu rkantati bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel tas-Sena organizzata minn RTK for Charity.
Il-kantanti ġew mistiedna Malta mill-President tal-Malta-China Friendship Society, l-ex-Ministru s-Sur Reno Calleja li ltaqa’ magħhom f’Beijing ix-xahar l-ieħor.
Is-Sur Calleja għandu l-ħsieb li jiġbor flus biżżejjed biex iġib Malta l-Art Troupe kollu biex jieħdu sehem fl-Istrina tas-sena ddieħla u fil-Festa ta’ Ġenerożità li torganizza d-Dar tal-Providenza.