Tewmin jeħlu l-ħabs talli serqu l-flus għad-droga

Tewmin weħlu sentenza ħabs ta’ għadd ta’ serqiet li għamlu lil anzjani.

Ilbieraħ fil-qorti, it-tewmin ta’ 40 sena minn Bormla nstabu ħatja ta’ għadd ta’ hold-ups li wettqu lil anzjani li għandhom bejn 64 u 87 sena.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Paul Camilleri, spjegat li l-pulizija bdew jiffukaw fuq żewġ serqiet li saru bl-armi f’banka tal-lottu fiż-Żejtun f’temp ta’ għaxart ijiem. Il-filmati mill-kameras tas-sigurtà indikaw lill-pulizija liema karozza għandhom isegwu, li kienet ta’ wieħed mill-akkużati.

Permezz ta’ evidenza li sabu, il-pulizija rnexxielhom jiskopru bi tliet serqiet li kienu wettqu t-tewmin, darbtejn minn fuq in-nies, u darbtejn meta ppruvaw jiġbdu l-flus minn ATM b’kard misruqa, iżda ma rnexxilhomx.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iddeskriviet l-aġir tal-akkużati bħala reati kriminali ta’ beżżiegħa, li saru fuq vittmi anzjani li ma setgħux jiddefendu ruħhom.

Ġie nnutat kif it-tewmin kienu jisirqu biex ikollhom il-flus għad-drogi. Iż-żewġ irġiel kellhom kondotta maħmuġa, u wieħed minnhom diġà kien il-ħabs darbtejn fuq serq. Għaldaqstant, huwa weħel sentenza ħabs ta’ erba’ snin u nofs, u multa ta’ €116.47. Ħuh ingħata sentenza ħabs ta’ tliet snin u xahrejn.

Il-Qorti ħarġet ordni li l-ħatja ma jersqux lejn il-vittmi għal tliet snin.