Tewmin jagħlqu sena – jagħmlulhom festin ta’ €82,000

F’Londra, il-ġenituri ta’ tewmin partikolari għadhom kemm organizzaw festin f’għeluq l-ewwel sena tagħhom. Huma qabbdu disinjatur magħruf, Steven Duggan, biex iħejji kollox sabiex il-festin jirnexxi. Il-prezz kien ta’ €82,000.  

Il-festin kien iddisinjat bit-tema ta’ Alice in Wonderland u Peter Pan. Sar taħt tinda fil-ġnien tad-dar tal-familja. Il-kont kien jinkludi it-tiżjin, id-dawl, l-animaturi bil-kostumi, buffet u kejk imżejjen sabiħ.

Filwaqt li ammetta li t-tfal ħafna drabi lanqas ikunu jafu x’qed jiġri madwarhom, id-disinjatur qal li l-importanti hu li jħossuhom speċjali.

Fost il-klijenti tiegħu kellu lil Elton John. Spjega iżda li m’humiex biss in-nies famużi li jonfqu l-flus f’dawn it-tip ta’ festini u li jkollu riċeviment bħal dan kull xahar.