Testijiet tal-għajnejn b’xejn bħala parti minn studju nazzjonali

Tobba Maltin se jkunu qed jagħmlu madwar 2,000 test tal-għajnejn bħala parti minn studju nazzjonali.

L-għan tal-istudju huwa li jiġbor data dwar il-prevalenza ta’ mard komuni tal-għajnejn u problemi tal-viżta f’Malta. It-tobba qalu li s’issa din it-tip ta’ informazzjoni dwar Malta għadha ma teżistix.

Persuni bejn l-età ta’ 50 u 80 sena se jkun mistednin biex jieħdu sehem f’dan l-istudju. Dawn se jintgħażlu għall-għarrieda (random) u se jibbenefikaw minn test tal-għajnejn b’xejn.

L-istudju se jkun qed isir minn Dr David Agius li huwa student tal-PhD. Se jkun taħt is-superviżjoni ta’ Mr Francis Carbonaro u Prof. Julian Mamo.

Skont Carbonaro, ir-riżultati tal-istudju jistgħu jixħtu dawl fuq is-saħħa tal-poplu Malti.

Spjega li peress li se jkunu qed ifittxu speċifikament għal mard bħall-glaucoma u l-katarretti se jkunu qed jiffokaw fuq in-nies akbar fl-età peress li huma f’riskju akbar li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet.

Dawk li jieħdu sehem fl-istudju se jintalbu jmorru l-Isptar Mater Dei għal viżta ta’ bejn 30 u 45 minuta.

“Inħoss li proġetti ta’ riċerka bħal ma hu l-Malta Eye Study għandhom jiġu ffinanzjati u jingħataw prijorità mill-gvern – jew għallinqas ikun hemm inċentiv; per eżempju, ix-xiri tal-apparat jista’ jsir mingħajr VAT bħal ma jiġri f’pajjiżi differenti fl-Ewropa,” qal Carbonaro.

Bl-għajnuna tar-Research Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta, il-proġett ingħata €132,000 f’fondi mill-Malta Community Chest Fund (MCCF).