Testijiet tad-demm b’xejn fid-djar estiżi f’iktar lokalitajiet

DOI: Omar Camilleri

Is-servizz ta’ flebotomija li kien ġie introdott f’Birkirkara u l-Mosta, issa ġie estiż ukoll fil-lokalitajiet tal-Fgura u Ħaż-Żabbar. Dan is-servizz kien ġie introdott bħala proġett pilota ġewwa Birkirkara u l-Mosta.

Grazzi għal dan is-servizz, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità li għandhom xi diffikultà fil-mobilità jista’ jitteħdilhom id-demm għat-testijiet min-nies professjonisti bla ħlas fil-kumdità ta’ darhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li dan is-servizz huwa ddedikat għal dawk l-anzjani u l-persuni b’diżabilità li jgħixu fi djarhom u li minħabba xi problemi f’saħħithom ma jkunux jistgħu joħorġu minn darhom biex imorru fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa għal dan is-servizz.

DOI: Omar Camilleri

Parnis qal li ħafna minn dawn il-persuni qed ikollhom iħallsu lil xi ħadd privatament għal dan is-servizz. Spjega kif huwa għalhekk li qed isiru wkoll preparamenti sabiex dan is-servizz jinfirex fuq skala nazzjonali.

Għal aktar informazzjoni jew biex wieħed jibbukkja dan is-servizz, wieħed jista’ jċempel fuq 22589393 jew inkella fuq in-numru 159.