Testijiet minn esperti tekniċi fuq bendy buses tal-Arriva

Tekniċi tal-Arriva fil-preżent qegħdin jagħmlu testijiet fuq żewġ bendy buses Mercedes-Citaro fit-toroq.

Dawn it-testijiet qed isiru mingħajr passiggieri.

Kienet il-kumpanija Arriva li għamlet it-talba biex isiru dawn it-testijiet, liema talba ġiet aċċettata mill-Ministeru għat-Trasport u Transport Malta.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li t-talba tal-Arriva saret waqt il-laqgħat li l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta James Piscopo kellhom ma’ rappreżentanti għoljin tal-Arriva.

Il-bendy buses li fuqhom qed isiru dawn it-testijiet m’humiex l-istess li kienu nvoluti fil-każi ta’ ħruq għaliex għadhom taħt investigazzjoni.

It-testijiet fuq dawn il-bendy buses bdew minn din il-ġimgħa.

Aktar kmieni dan ix-xahar rappreżentanta barranija tal-kumpanija li mmanifatturat il-bendy buses kienet żvelat ma’ Newsbook.com.mt kif espert barrani kellu jasal Malta biex iwettaq testijiet fuq il-bendy buses.