Testijiet jikkonfermaw indikazzjoni ta’ avvelenar tal-politiku Russu

Read in English.

L-Isptar tal-Università ta’ Charité f’Berlin, fejn huwa rikoverat Alexei Navalny, ħareġ rapport fejn testijiet inizjali jindikaw li l-politiku fl-oppożizzjoni Russa kien avvalenat permezz ta’ sustanza tossika. Huwa jinsab f’kundizzjoni serja, iżda ma jinsabx fil-periklu tal-mewt.

Nhar it-Tnejn, l-Isptar Charité ħareġ dikkjarazzjoni li tgħid li t-tim ta’ tobba li kienu qed isegwu l-każ ta’ Navalny minn meta ddaħħal fl-isptar nhar is-Sibt sabu l-preżenza ta’ “cholinesterase inhibitors” fis-sistema tiegħu.

Dawn l-inibituri cholinesterase huma varjetà wiesgħa ta’ sustanzi li jinsabu f’diversi drogi, iżda jinsabu wkoll f’pestiċidi u f’aġenti li jaħdmu fuq in-nervituri. It-tobba tal-istituzzjoni qalu li s’issa għadha mhux magħrufa s-sustanza speċifika li ntużat fuq Navalny.

Kelliem għall-isptar qal li “il-pazjent jinsab fil-kura intensiva u għadu qed jinżamm f’koma. Il-kundizzjoni ta’ saħħtu hija waħda serja imma bħalissa mhux fil-periklu li jitlef ħajtu.”