Testijiet għall-coronavirus fl-ajruporti tal-Irlanda

L-Irlanda ħabbret li se tibda tagħmel testijiet għall-għarrieda (random testing) fuq il-passiġġieri li jkunu għaddejjin mill-ajruporti. Il-Ministru għas-Saħħa Stephen Donnelly qal li dan il-pass kien meħtieġ minħabba li s-sitwazzjoni internazzjonali qed tinbidel malajr u ġeneralment għall-agħar.

Huwa qal li l-formoli li l-passiġġiera jimlew qabel jidħlu fil-pajjiż qed isiru b’mod eletroniku u qed jiżdiedu l-ħaddiema fid-dipartimenti tal-contact tracing. Il-Ministru qal li l-Gvern Irlandiż se jkompli jadotta pjan aktar kawt.

L-Irlanda rat żieda fil-każijiet ta’ coronavirus. Fl-aħħar tliet ijiem, l-awtoritajiet tas-saħħa Irlandiżi rreġistraw 168 każ ġdid ikkumparati ma’ 65 fit-tliet ijiem ta’ qabel.

Fl-intervista li kellu ma’ stazzjoni televiżiv, il-Ministru Irlandiż qal li l-Gvern qed jesplora aktar miżuri restrittivi fejn iwaqqaf l-ivjaġġar li mhux essenzjali.

Mistoqsi jekk l-Irlanda hix qed tagħmel xi ħaġa differenti minn pajjiżi oħra biex tikkontrolla l-virus, il-Ministru qal li l-Irlanda għandha l-aktar miżuri restrittivi mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.