Testijiet għal min jasal f’Ċipru mill-Greċja wara żieda fil-każijiet ta’ coronavirus

Read in English.

Ċipru se jintroduċi ttestjar obbligatorju fuq kull min jasal mill-Greċja min-nhar il-Ħamis wara żieda qawwija f’infezzjonijiet tal-coronavirus fil-Ġreċja fl-aħħar jiem.

Il-Ministeru tas-Saħħa Ċiprijott qal li kull minn jasal mill-Greċja jrid iġib miegħu test tal-coronavirus li sar sa mhux aktar minn 72 siegħa qabel ivvjaġġa. Ċiprijotti u residenti permanenti ta’ Ċipru jistgħu jagħżlu li jiġu ttestjati fl-ajruporti mal-wasla tagħhom.

Il-gżira tal-Lvant tal-Mediterran hi waħda mill-ewwel pajjiżi li qed tintroduċi dawn it-testijiet fuq il-Greċja sa mit-tneħħija tal-lockdown. Madankollu, ir-rata ta’ infezzjonijiet fil-Greċja għadha ferm aktar baxxa minn dik ta’ bosta pajjiżi Ewropej oħra.

Id-deċiżjoni ttieħdet fl-eqqel tal-istaġun tal-vaganzi, bil-Greċja tkun destinazzjoni popolari għal eluf ta’ Ċiprijotti.

Iż-żewġ pajjiżi żammew kontroll fuq l-ewwel imxija ta’ infezzjonijiet b’lockdowns estensivi minn nofs Marzu sa Mejju, iżda r-rati reġgħu bdew telgħin hekk kif dawn ir-restrizzjonijiet tnaqqsu.

Is-Sibt li għadda l-Greċja rrappurtat l-akbar żieda f’ġurnata waħda għal numru ta’ ġimgħat, 110, filwaqt li Ċipru kellu 25 każ ġdid ġurnata qabel, l-ewwel darba li li dan il-pajjiż kellu ċifra doppja għal numru ta’ ġimgħat.

Ċipru għandu sistema ta’ tliet livelli biex jikklassifika l-pajjiżi skont ir-riskju. Dawn jinkludu pajjiżi bla restrizzjonijiet, dawk li minnhom min qed jivvjaġġa jeħtieġ jippreżenta test, u dawk fejn il-kwarantina hi obbligatorja. Il-Greċja b’hekk issa tniżżlet mill-ewwel għat-tieni kategorija.