Testijiet ġeotekniċi għall-mina ta’ Għawdex jibdew dax-xahar

Investigazzjonijiet ġeotekniċi bi preparazzjoni għall-mina ta’ bejn Malta u Għawdex se jibdew dan ix-xahar.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Laburista Clayton Bartolo dwar x’qed isir dwar il-mina li għandha tgħaqqad lil Malta u Għawdex.
Borg spjega kif serje ta’ investigazzjonijiet ġeotekniċi se jsiru f’postijiet differenti fuq l-art u fil-baħar, bit-tħaffir mistenni li jilħaq madwar 200m taħt qiegħ il-baħar. Saħaq li l-investigazzjonijiet mistennija jibdew f’dan ix-xahar u li x-xogħol preparattiv diġà beda jsir.
Il-Ministru żied jgħid li r-riżultati u l-analiżi tal-investigazzjonijiet siżmiċi u ġeoloġiċi se jintużaw biex jiġi stabbilit mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li se jifforma l-bażi għad-disinn tal-mina.
Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Frederick Azzopardi staqsa lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana dwar il-progress tal-mina u din irreferietu għall-Ministru konċernat.