Test tad-demm jista’ jaqbad il-kanċer minn aktar kmieni

Tim ta’ riċerkaturi mill-Università John Hopkins f'Balimore fl-Istati Uniti għadhom kif ħolqu xi ħaġa li ħadd qabel ma rnexxielu joħloq: mod kif wieħed jista’ jinduna bil-kanċer permezz ta’ test tad-demm – u b’hekk fi stadju aktar bikri milli qatt kien possibbli. 
Dawn ħolqu test tad-demm hekk imsejjaħ CancerSEEK, li ġie ttestjat fuq aktar minn 1,000 persuna li diġà jafu li għandhom il-kanċer, għal tipi ta’ kanċer li bħalissa m'hemmx screening test li kapaċi jinduna bih. 
Dan it-test, li jeżamina d-DNA li għandha x’taqsam mal-kanċer, kif ukoll il-proteini fid-demm, irnexxielu jinduna b’kanċer li għadu ma nfirixx – xi ħaġa li kienet qatt għadha ma saret fl-istudji tal-kanċer. Barra min hekk, dan it-test jista’ wkoll jimmarka it-tip ta’ kanċer li wieħed għandu fil-ġisem. 
Madankollu, xjentisti fil-qasam qalu li fadal studju xi jsir sabiex dan it-test ikun issaħħaħ biżżejjed biex jkun jista’ jaqbad il-kanċer aktar minn kmieni f’nies b’saħħithom. Skont ir-riċerkatur Nitzan Rosenfeld mill-Università ta’ Cambridge fl-Ingilterra, min jaħseb li dan it-test se jaqbad kull tip ta’ kanċer min issa, se jkun diżappuntat. “Dan huwa progress eċitanti, iżda l-evalwazzjoni fid-dinja hemm barra se tieħu ħafna aktar żmien”.