Test onlajn jgħidlek kemm għandha żmien qalbek

Test onlajn eta' qalb

Kont taf li tista’ tagħmel test biex issir taf kemm għandha żmien qalbek u li mhux bilfors ikollha żmien daqs kemm għandek inti bħalissa?

Is-Servizz tas-Saħħa Pubblika tal-Ingilterra qed iħeġġeġ lil persuni ta’ aktar minn 30 sena biex jagħmlu test onlajn biex isiru jafu l-età tal-qalb tagħhom, li tindika jekk humiex f’riskju akbar li jsofru minn attakk tal-qalb jew puplesija.

Madwar 80% ta’ attakki tal-qalb u puplesiji f’persuni ta’ taħt il-75 sena jistgħu jiġu evitati jekk is-saħħa tal-qalb titjieb. Dawk li jpejpu, ma jagħtux kas l-ikel li jieklu, ma jagħmlux biżżejjed eżerċizzju, u għandhom pressjoni għolja tad-demm għandhom riskju akbar.

Kważi żewġ miljun persuna ħadu t-test tal-età tal-qalb u rriżulta li 78% tal-parteċipanti għandhom età tal-qalb ogħla mill-età tagħhom, u dan ipoġġihom f’riskju akbar ta’ mewt bikrija.

It-test mhux se jgħidlek jekk hux se jkollok attakk tal-qalb imma jista’ jkun sejħa biex tbiddel l-istil tal-ħajja tiegħek għal saħħa aħjar. It-trattament għal dawn il-kundizzjonijiet jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti r-riskju ta’ puplesija u d-devastazzjoni li tikkawża.

It-test huwa magħmul minn 16-il mistoqsija dwar l-istil tal-ħajja u jagħti stima tal-età tal-qalb tiegħek, u stima tar-riskju ta’ attakk tal-qalb jew puplesija sa ċerta età.

Tista’ tagħmel it-test hawn.

Jekk għandek inqas minn 30 sena, tista’ tagħmel il- How Are You Quiz għal suġġerimenti ta’ stil ta’ ħajja aħjar għal saħħtek.