Test għall-fidi tal-Kristjani fl-Eġittu

Il-Mexxej tal-Kattoliċi Kopti, il-Patrijarka Ibrahim Isaac Sidrac qal li l-attakki fuq il-knejjes fl-Eġittu nhar Ħadd il-Palm kienu test għall-fidi tal-Kristjani Eġizzjani.  Waqt l-isplużjonijiet fiż-żewġ knejjes, Sidrac kien qed iqaddes fil-Katidral Kattoliku ta’ Lixandra u sema’ l-isplużjoni qawwija.
Min-naħa l-oħra, il-Patrijarka Ortodoss, il-Papa tal-Kopti Tawadros II kien inkwetati ħafna b’dawn l-attakki tant li anqas biss felaħ jitkellem għax apparentement, għalkemm ħelisha ħafif, il-bombi kienu immirati biex jolqtu lilu.
Quddiem dak li seħħ, il-Kristjani Eġizzjani għandhom iħarsu lejn il-martri ġodda  li nqatlu f’Ħadd il-Palm u jitolbu l-faraġ ta’ Kristu u jittamaw fil-qawmien Tiegħu mill-mewt.
Il-Patrijarka Kattoliku qal li l-fatt li l-Papa se jżomm mal-pjan li jżur l-Eġittu hu sinjal importanti ħafna għall-insara fl-Eġittu u għall-pajjiż kollu għax kieku ż-żjara tħassret kienet tingħata l-impressjoni li t-terrur u t-tixrid tad-demm rebħu.
Il-Primat tal-Kopti sostna li biex niġġieldu t-terroriżmu mhux biżżejjed li jkollna strateġija ta’ ripressjoni u tfittxija tal-assassini, wara li jitwettqu l-atti kriminali. Dan għaliex “wara dawn l-atti inumani u djaboliċi, hemm diskors li jixgħel il-mibegħda u li sab postu anke fil-media u jinfluwenza l-mentalita’ ta’ ħafna nies.
Il-President Eġizzjan Al Sisi issa ilu aktar minn sentejn jinsisti li hemm bżonn nibdlu l-mod kif nippreżentaw ir-reliġjon biex jitqaċċtu mill-għeruq il-ħsibijiet ta’ mibegħda li jmantnu t-terroriżmu. Iżda ħadd ma ta każ kliemu.
Wara dawn l-attakki kien hemm diversi sejħiet biex tiżdied is-sigurta’ fejn il-knejjes qabel il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-knejjes iħallsu l-ispejjeż biex tiżdied is-sigurta’.
Il-Patrijarka Sidrac appella għat-talb biex il-Mulej juri li hu rebbieħ u jibdel il-qlub tat-terroristi, kif dejjem jitlob il-Papa Franġisku.