Test ġdid mat-twelid biex juri x’mard se jkollok

L-iskola medika ta’ Harvard ħabbret li żviluppat test li juri kemm tarbija tat-twelid għandha riskju tiżviluppa ċertu mard, meta tikber. It-test jiċċekkja għal mard tal-qalb, id-dijabete tat-tip 2, mard fil-musrana u kanċer tas-sider. It-test huwa sempliċi daqs meta persuna tmur tiċċekkja għall-kolesterol.

L-istudju li wassal għal dan it-test ġie ppublikat fir-rivista medika Nature Genetics, biex jgħin it-tobba jidentifikaw mard li jista’ jiżviluppa aktar tard fil-ħajja ta’ persuna. L-awtur ewlieni tal-istudju, il-Professur Sekar Kathiresan spjega li hu fatt magħruf li hemm persuni li jinsabu f’riskju akbar minn oħrajn li jiżviluppaw ċertu mard, minħabba l-ġenetika tagħhom.

L-istudju analizza l-informazzjoni ġenetika ta’ 400,000 persuna u wera li 8% minnhom kellhom tliet darbiet aktar riskju li jiżviluppaw mard tal-qalb, minkejja li ma kellhom l-ebda sintomi. Għall-kanċer tas-sider, 1.5% kellhom tliet darbiet aktar riskju għall-marda. Ix-xjentisti jispjegaw li dalwaqt il-pubbliku jkollu opportunità jkun jaf xi grad ta’ riskju għandu li fil-futur ibati minn dan il-mard, bħalma llum persuna tingħata numru għall-kolesterol.

L-għan hu li ladarba persuna tkun taf ir-riskju li għandha li tiżviluppa ċertu mard li jista’ jkun evitat, tingħata għajnuna biex tagħmel bidla fl-istil tal-ħajja tagħha jew tieħu t-trattamenti minn kmieni.

Ix-xjentisti qed ibassru li dan it-test, li jiswa €50, isir bħala rutina flimkien ma’ testijiet oħra li jsiru bħalissa.