Test elettoral importanti għall-Venezwela

Il-bieraħ fil-Venezwela saru l-elezzjonijiet għall-gvernaturi tat-23 stat li jiffurmaw dan il-pajjiż.
L-Isqfijiet Kattoliċi appellaw lill-Kummissjoni Elettorali tal-pajjiż biex timxi b’mod ġust, minħabba li din l-aġenzija ma tantx tgawdi fiduċja u mhix fdata minħabba li ħafna jaħsbu li din il-Kummissjoni bagħbset ir-riżultati elettorali ta’ Lulju li għadda.
L-isqfijiet appellaw lill-poplu biex joħroġ jivvota f’dawn l-elezzjonijiet għax iqisuhom bħala xaqq ta’ dawl għal dawk li jemmnu u jridu jiddefendu d-demokrazija fiż-żminijiet diffiċli li għaddej minnhom il-pajjiż.
Bejn Mejju u Awwissu li għadda il-pajjiż ra protesti kbar fit-toroq, li fihom inqatlu 120 persuna, sakemm il-Gvern irnexxielu b’xi mod iwaqqaf Assemblea Konsultattiva biex tikteb  kostituzzjoni ġdida.
L-isqfijiet appellaw lill-poplu biex ma jħallix lilu nnifsu jintrebaħ min-nuqqas ta’ fiduċja u n-nuqqas ta’ interess. “Jekk ma tivvutawx tkunu qed tikkundannaw lilkom infuskom u lil uliedkom li tgħixu ħajja b’ħafna nuqqasijiet essenzjali bħalma huma l-ikel, il-mediċina u saħansitra s-sigurtà personali”, wissew l-isqfijiet.
Il-Venezwula daħlet fir-raba’ sena ta’ kriżi ekonomika li wasslet għal nuqqas ta’ ikel u mediċini u l-ogħla inflazzjoni fid-dinja.
Studju li sar fil-pajjiż wera li b’riżultat ta’ din il-kriżi l-poplu tal-Venezwela tilef 19-il libbra ras għal ras fil-piż tiegħu.
L-isqfijiet appellaw lill-Kummissjoni Elettorali biex timxi b’ġustizzja. “Il-pajjiż kollu jaf bit-tendenzi politiċi ta’ min imexxi din il-Kummissjoni, imma rridu nfakkruhom li d-dover tagħhom hu lejn il-poplu Venezwelan u mhux lejn il-politiċi”.
Fl-aħħar xhur, il-Konferenza Episkopali kienet kritika ħafna għall-Gvern Soċjalista tal-pajjiż u saħansitra akkużat lill-President Maduro li qed jipprova jdaħħal id-dittatura militari fil-pajjiż.
Ir-riżultat elettorali mistenni jitħabbar matul din il-ġimgħa.