Tesserati jiġbru l-firem għax ma jridux mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li t-tesserati segwaċi tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jiffirmaw petizzoni oħra din id-darba biex tiġi miċħuda kwalunkwe talba biex fil-Kunsill Ġenerali jkun hemm vot ta’ fiduċja jew sfiduċja f’Delia.

Bħalissa wkoll għadhom qed jinġabru aktar firem minn fost il-Kunsilliera tal-PN biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jaffaċċja vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali. Il-petizzjoni ssejjaħ għal diskussjoni b’vot sigriet dwar it-tmexxija tiegħu.

Aqra: Biżżejjed firem biex Delia jaffaċċja vot ta’ fiduċja

Il-petizzjoni l-ġdida ġiet irrappurtata aktar kmieni f’ġurnali oħra iżda Newsbook.com.mt qed jippubblika b’mod sħiħ il-petizzjoni b’żewġ paġni li ssemmi wkoll “kampanja sistematika” mit-taparsi bloggers u għaqdiet li wasslu għal disfatta elettorali f’Mejju li għadda.

Il-firmatarji qiegħdin jagħmlu referenza għal artikli 37 u 38 tal-istatut li fihom hemm stabbilit kif għandha tiġi eletta u kkonfermata t-tmexxija tal-PN inkluż il-Kap u l-Viċi Kapijiet.

Appellaw ukoll li għandha tinġarr responsabbiltà kollettiva għar-riżultati tal-elezzjonijiet f’Mejju li għadda u saħqu li b’diskussjoni matura tista’ tinstab ir-rapuni vera tat-telfa elettorali.

F’diversi partijiet tal-petizzjoni, il-firmatarji jagħmlu referenza għad-deputati Nazzjonalisti li skonthom “iridu jkomplu jiġbdu l-ispag u jaħkmu l-partit”. Saħqu li ma jistgħux jibqgħu jipproteġu dak l-istatus quo.

Fl-aħħarnett huma wiegħdu “fiduċja sħiħa” fil-Kap Adrian Delia filwaqt li pproponew proċess ta’ għaqda u involviment ta’ aktar nies fil-partit.

Aqra l-petizzjoni hawn: