“Tesponux lil uliedkom għal riskji bla bżonn” – Kummissarju għat-Tfal

Read in English.

Il-Kummissarju għat-Tfal appellat lill-ġenituri sabiex f’dawn iż-żminijiet “ma jesponux lil uliedhom għal riskji bla bżonn”. Qalet li dan jista’ jsir billi jżommuhom id-dar kemm jista’ jkun.

Fi stqarrija, il-Kummissarju qalet li dan ma jfissirx li t-tfal għandhom jiġu iżolati kompletament mill-bqija tal-familja u l-ħbieb. Sostniet li t-teknoloġiji moderni kapaċi jżommuhom f’kuntatt ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom bħalma huma n-nanniet li l-età tagħmilhom iktar vulnerabbli. Qalet li dan jgħodd ukoll għall-aċċess tat-tfal għall-ġenitur l-ieħor f’każ li l-ġenituri huma mifrudin.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom fdati f’idejhom it-trobbija, sabiex iħarsu u jippromwovu l-benessri ta’ dawn it-tfal f’kull ħin. Sostniet li “dan huwa tabilħaqq żmien diffiċċli għal kulħadd u għaldaqstant nemfasiżżaw li kulħadd għandu jsegwi dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.”

L-uffiċċju kompla billi rrimarka li dan huwa żmien stressanti wkoll għat-tfal. B’hekk ħeġġeġ lill-ġenituri biex jisimgħuhom, juruhom li jħobbuhom u jkunu ta’ wens għalihom f’dawn il-mumenti. Spjega li l-ġenituri għandhom joffru spjegazzjoni ċara ta’ x’inhi l-imxija u x’għandhom jagħmlu biex huma wkoll iħarsu lilhom infushom u lil dawk ta’ madwarhom mingħajr biża’ żejda. B’dan il-mod, sostna l-uffiċċju, t-tfal ikun qed jingħataw l-għajnuna biex jgħelbu l-ansjetà li tista’ taħkimhom.

Intant, dawk il-ġenituri li jixtiequ iktar tagħrif biex jgħinu lit-tfal jistgħu jagħmlu kuntatt billi jċemplu 179. Għaż-żgħażagħ u l-adoloxxenti hemm ukoll is-servizz ta’ kellimni.com.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn