Teskala t-tensjoni bejn l-Iżrael u l-Palestina; Attakkati siti tal-Ħamas

Tkompli tikber it-tensjoni bejn il-Palestina u l-Iżrael wara li l-President Amerikan Donald Trump rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael.
Skont il-midja tal-istat, Iżrael attakkat numru ta’ siti okkupati mill-militanti tal-Ħamas bi tweġiba għall-attakk bir-rockets.
Il-militar tal-Iżrael qal li laqat “fabbrika” tal-armi u anke maħżen tal-munizzjon tal-istess militanti.
Fl-aħħar jiem, tliet rockets ġew sparati minn Gaża għall-Iżrael, b’wieħed minnhom jolqot il-belt ta’ Sderot.
L-Iżrael minn dejjem kienet tqis lill-Ġerusalemm bħala l-kapitali tagħha, iżda l-Palestinjani kienu jgħidu li Ġerusalemm tal-Lvant, okkupata mill-Iżrael fl-1967, għad tkun il-kapitali ta’ stat Palestinjan.
Kien għalhekk li d-deċiżjoni ta’ Trump, li jwarrab min-newtralità fuq il-kwistjoni, waslet għal rabja kbira fost il-Palestinjani.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li l-Gvern ma jaqbilx li l-Ambaxxata Amerikana timxi minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, u lanqas li Ġerusalemm tkun rikonoxxuta bħala l-kapitali ta’ Iżrael. 
Anki l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-President Amerikan, u sejjaħ id-deċiżjoni tiegħu bħala waħda fid-direzzjoni żbaljata u li se xxekkel il-proċessi għall-paċi fir-reġjun.
Min-naħa tiegħu, l-Imam ta’ Malta Mohammad Elsadi qal li bid-dikjarazzjoni tiegħu, Donald Trump qed jissapportja t-terroriżmu.