Terz tal-votanti jivvotaw sa nofs il-ħin eliġibbli

Il-Kummissjoni Elettorali ppubblikat iċ-ċifri tat-turnout fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa sa nofs il-ħin eliġibbli għall-votazzjoni.
Għar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa sas-2pm kienu vvutaw medja ta’ 34% ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw, waqt li għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, vvotaw madwar 31% ta’ dawk eliġibbli.
L-aktar perċentwal għoli ta’ voti mitfugħa fir-referendum ġie reġistrat fir-raba’ distrett b’37% tal-voti waqt li l-inqas distretti kienu it-2, it-3 u t-12-il distrett b’31%.
Għall-elezzjonijiet lokali, kien hemm iżjed varjazzjoni bejn lokalitajiet b’perċentwal għoli u oħrajn baxx.
Filfatt l-ogħla perċentwal ta’ voti mixħuta ġie reġistrat fil-lokalità ta’ Santa Luċija b’ 45% u wara l-lokalitajiet tal-Floriana u Ħal Luqa b’40%.
L-inqas nies li ħarġu jivvutaw sas-2pm kienu r-residenti ta’ San Pawl il-Baħar b’19% biss joħorġu jivvutaw.
Il-Gżira u San Ġiljan ukoll kellhom turnout baxx, ta’ 21%.