Terz tal-adulti f’Malta jiltaqgħu mal-qraba mqar darba f’ġimgħa

Wieħed minn kull tliet adulti f’Malta jiltaqa’ mal-qraba tiegħu mqar darba fil-ġimgħa.
Dan joħroġ minn sondaġġ li ħejja l-Eurostat, fejn staqsa lil persuni ta’ aktar minn 16-il sena kemm-il darba jiltaqgħu mal-familjari, iżda anki ħbieb.
It-tfittxija, li saret fl-2015, turi li 35% tal-parteċipanti wieġbu li jagħmlu dan, b’Malta bit-tielet l-ogħla rata ta’ 35%.
Qabel Malta hemm l-Islovakkja u l-Greċja b’36% u Ċipru fl-ewwel post b’45%.
Bil-maqlub, fost l-anqas pajjiżi li rrispondew fil-pożittiv hemm dawk Baltiċi.
Fil-Latvja, 25% ta’ dawk li wieġbu qalu li lanqas darba f’sena ma ltaqgħu mal-familjari tagħhom. L-Estonja u l-Litwajna jinsabu fl-istess ilma.
Rigward il-ħbieb, 38% ta’ dawk li wieġbu qalu li jiltaqgħu mal-ħbieb kull ġimgħa. Minkejja dan, wieħed minn kull 10 Ewropej qalu li ma jiltaqgħux.
Is-sondaġġ wera li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa għandhom l-ogħla rati ta’ adulti li jiltaqgħu mal-ħbieb, bil-Greċja u Ċipru fuq quddiem nett.
F’dar-rigward, instab li f’Malta 1 minn kull 5 adulti ma jiltaqax mal-ħbieb imqar darba f’xahar.
Ritratt: Eurostat