Terroristi tal-ISIS fost il-mejta fl-Iraq u fis-Sirja

Il-Ministeru tal-Intern tal-Iraq ħabbar li nqatlu 28 terrorist tal-Istat Iżlamiku f’attakk li sar fuq bażi militari tal-militanti f’Falluja fil-provinċja ta’ Anbar.
Fost il-mejta, hemm id-direttur tal-filmati tal-Istat Iżlamiku, magħruf bħala Abu Mohammed al-Souri, u ċ-ċittadin Amerikan Abu Osama al-Amriky. 
Fis-Sirja, fl-inħawi Kurdi qrib il-fruntiera mat-Turkija, għadhom għaddejjin l-attakki mill-armata tal-President Sirjan Bashar al-Assad u l-militanti tal-Istat Iżlamiku.
Skont rapporti internazzjonali, fl-aħħar 24 siegħa, inqatlu 31 ribell u 22 militant tal-Istat Iżlamiku.
Anke f’Aleppo komplew l-attakki fejn inqatlu mas-70 ruħ oħra waqt li r-ribelli rritaljaw u qatlu mat-12-il persuna oħra. 

Fl-istess inħawi, inċident fi sptar wassal biex seħħew tliet splużjonijiet li ħallew mill-inqas 25 persuna mejta, l-iktar tfal, u mat-30 persuna oħra midruba.
L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-isplużjonijiet seħħew minħabba li sploda ċilindru tal-gass li miegħu mbagħad splodew ċilindri oħra tal-ossiġnu. Fil-ħin tal-inċident, fl-isptar kien hemm għadd ta’ tfal li ttieħdu biex jingħataw vaċċin.