Filmat: Jintemm it-terrur fil-Corinthia…9 rrappurtati mejta

Grupp ta' rġiel armati, li allegatament jagħmlu parti mill-grupp terroristiku tal-Istat Iżlamiku attakkaw u ħadu f'idejhom il-lukanda Corinthia fi Tripli. 
Qed jiġu rrappurtat li b'kollox mietu 9 persuni, 3 uffiċjali tas-sigurtà u 5 barranin u persuna oħra li kienet qed tinżamm ostaġġ. Jidher li tnejn mill-barranin maqtula huma nisa.
Qed jingħad li t-tliet terroristi splodew lilhom infushom eżatt qabel ma ġew iċċirkondati mill-uffiċjali tas-sigurtà Libjana fil-21 sular. 
Il-Maltin u r-residenti tal-lukanda ġew evakwati minnufih.
It-terrur beda fid-9 ta’ dalgħodu, meta t-terroristi splodew karozza bomba quddiem il-bieb prinċipali tal-lukanda, sparaw u qatlu ħaddiem tas-sigurtà u mbagħad daħlu ġewwa.
It-terroristi kienu liebsa ġkieket bullet proof, daħlu fil-lukanda u sparaw fl-arja fil-bitħa u fis-sular ta' isfel. 
Skont diversi rapporti, it-terroristi telgħu fil-21 sular, fejn ikun hemm diplomatiċi u rappreżentanti ta’ kumpaniji barranin. Minn hemm ħatfu 12-il ostaġġ. 
Il-Prim Ministru tal-Gvern fi Tripli, Omar al-Hassi, ta’ spiss ikun fil-lukanda iżda llum inzerta ma kienx.  
Il-ġlied dam għaddej madwar 5 sigħat.
Fuq Twitter l-Istat Iżlamiku fil-Libja refa’ r-responsabiltà tal-attakk u sar bi tpattija tal-mewt ta’ Abu Anas al-Libi, li miet fi New York fil-bidu tax-xahar u kien qed jistenna jgħaddi ġuri għall-involviment tiegħu fl-attakki li saru fl-1998 fuq l-ambaxxati Amerikani fit-Tanżanija u l-Kenja. 
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fuq Twitter kiteb li fil-Parlament, għada se jitkellem dwar dan l-attakk u li qed iżomm lill-Oppożizzjoni infurmata bl-informazzjoni mis-servizzi sigrieti li l-Gvern qed jirċievi dwar il-Libja.
​Għal darb’oħra l-Gvern Malti reġa’ appella biex ma jsirux vjaġġi lejn il-Libja.  
Fil-ħin tal-attakk, il-lukanda ma tantx kienet mimlija u kien hemm Taljani, Ingliżi u Torok. Il-lukanda ta’ ħames stilel, li hi mmexxija mill-Maltin hi popolari mal-gvernijiet u mad-diplomatiċi barranin, tant li l-Missjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja kemm-il darba ltaqgħet fil-lukanda.
Il-Corinthia ta’ Tripli kienet fl-isfond ta’ bosta attentati fosthom meta fl-10 ta’ Ottubru 2013, rġiel armati daħlu fil-lukanda, u ħatfu lill-Prim Ministru Libjan ta’ dak iż-żmien, Ali Zaidan.
Kundanna għall-Attakk:
Ir-Rappreżentat Għoli għall-Affarijiet Barranin għall-UE Federica Mogherini kkundannat l-attakk u qalet li dan hu att biex tisfuma fix-xejn it-tama għall-paċi fil-Libja.
Mogherini sostniet li dawn l-attakki m’għandhomx jimminaw il-ħidma politika.
Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-attakk terroristiku u appella lill-Gvern biex iġib lura l-Maltin u jqis li l-awtoritajiet Libjani jagħti l-protezzjoni meħtieġa lill-Maltin.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ikkundannat l-attakki terroristiċi u wriet solidarjetà mal-familjari tal-vittmi
Il-President ta’ Malta appellat biex il-Maltin isegwu l-avviż ta’ vjaġġar maħruġ mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, biex il-Maltin ma jivvjaġġawx lejn il-Libja, hekk kif is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż hija perikoluża.