Aġġornata: Terrorista ta’ Brussell kien gwardjan ta’ ħabs tal-ISIS fis-Sirja

Aġġornata:
Joħorġu iktar dettalji dwar wieħed mit-terroristi ta’ Brussell, Najim Laachraoui.
Sar magħruf li kien gwardjan fil-ħabs tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja fejn inżammu ostaġġi barranin.
Żvelaw dan, ġurnalisti barranin li fl-2013 inħatfu fis-Sirja u nżammu arrestati għal 10 xhur.
Huma għarfu lit-terrorista kif ukoll lil żewġ militanti oħra tal-Istat Iżlamiku.
Laachraoui kien daħal fis-Sirja fi Frar tal-2013 u reġa’ deher fl-Ewropa, fuq il-fruntiera bejn l-Ungerija u l-Awstrija, f’Settembru li għadda. Dakinhar kien uża isem fittizju.
Hu maħsub li kien hu li bena l-bombi li ntużaw f’Pariġi u fil-Belġju u d-DNA tiegħu nstab fuq ċintorini bl-isplussiv fis-sala tal-Bataclan u anke f’bombi użati fil-grawnd ta’ Pariġi. 
Iktar kmieni:
Wieħed mit-terroristi ta’ Brussell, involut anke fl-attakki ta’ Pariġi, u li sploda lilu nnifsu fl-ajruport Zavantem ix-xahar li għadda kien għamel ħames snin jaħdem fil-parti interna tal-ajruport qabel ħalla l-Belġju għas-Sirja.
Stazzjon televiżiv Fjamming żvela dan hekk kif saħaq li Najim Laachraoui kien jaf tajjeb l-ajruport.
Skont l-istess stazzjon, ftit biss qabel l-attakk ta’ xahar ilu, l-awtoritajiet tal-ajruport sabu sala tat-talb klandestina f’parti mill-ajruport u għalquha.