Terremot f’Bali fl-Indoneżja joħloq paniku

Terremot fil-baħar inħass qrib Bali fl-Indoneżja. It-terrimot kien irrappurtat kemm mill-aġenzija tat-terrimoti Ewropeja l-EMCS, kif ukoll dik Amerikana l-USGS.

It-terrimot kellu saħħa ta’ 6.1, anke jekk l-ewwel kejl kien ta’ 5.7 fuq l-iskala Richter.

Kienu rapportati ħsarat żgħar, madanakollu ma’ kien hemm l-ebda rapporti ta’ vittmi.

Kummenti fuq il-midja soċjali minn turisti li kienu f’Bali qalu li kien hemm paniku kemm fost ir-residenti kif ukoll turisti, hekk kif inħassu l-ewwel teżżiżiet, tant li kien hemm min ħareġ fit-toroq.

Ħsarat minuri kienu nnotati fi skola, dar u anke tempju fin-nofsinhar ta’ Bali, skond il-ġurnal Balipost.com.

Iż-żona hija suxxettibli ħafna għal dan iċ-ċaqlieq kontinwu tal-art; ċaqlieq li f’mumenti oħra kellu effetti devastanti.