Terrimot f’żona turistika fi New Zealand

Read in English.

Terremot fuq skala 5.9 laqat lil Milford Sound fi Fiordland, post popolari ħafna mat-turisti f’South Island fi New Zealand, skond Geonet, l-aġenzija ta’ monitoraġġ siżmiku tal-gvern.

Eluf ta’ nies f’dik iż-żona qalu li ħassew it-terremot, reġistrat fil-baxx ħafna, madwar 5km (3 mili), iżda ma kien hemm l-ebda rapporti immedjati ta’ ħsara jew nies li weġġgħu.

It-theżżiż inħass matul in-nofsinhar ta’ South Island fl-inħawi ta’ Queenstown, Wanaka, Te Anau, Alexandra u Dunedin.

Wara dan, inħassew ftit iżjed terremoti iżda iżgħar.

Iż-żona spettakolari ta’ Milford Sound fil-Punent ta’ South Island issawwret minn glaċieri antiki u hija magħmula minn muntanji għoljin ħafna, kaskati u ħabitat marittimu rari.

New Zealand tinsab fiż-żona siżmika magħrufa l-aħjar bħala “Ring of Fire”, ark ta’ vulkani u trinek fl-oċean b’tul ta’ madwar 40,000-km (24,855 mil) fl-Oċean Paċifiku.

Il-belt ta’ Christchurch, li tinsab ukoll f’South Island, għadha qed tirkupra minn terremot ta’ forza 6.3 li fl-2011 kien qatel 185 persuna.

Fl-2016, terremot ieħor, din id-darba ta’ magnitudni 7.8 laqat il-belt ta’ Kaikoura f’South Island li minbarra li qatel tnejn minn nies, ikkawża biljuni fi ħsarat, inkluż fil-kapitali Wellington.