Jitlilgħu għal 384 il-vittmi tas-tsunami fl-Indoneżja

Aġġornata 11.33am

Tela’ għal 384 l-għadd ta’ persuni li tilfu ħajjithom kawża tat-tsunami li laqat belt fl-Indoneżja lbieraħ. Dan wassal għall-mewġiet kbar ta’ tliet metri li kaxkru kulma sabu quddiemhom f’Palu.

Diversi filmati fuq il-midja soċjali urew persuni jwerżqu u jaħarbu fil-paniku, fejn kien hemm ukoll moskea fost il-binjiet liġarrbu xi ħsara.

Sa issa għadhom għaddejjin it-theżżiżiet ta’ wara t-tsunami fejn eluf ta’ djar iġġarrfu, fosthom sptarijiet, lukandi u ċentri kummerċjali.

Ghaddejjin ukoll ħdimiet ta’ salvataġġ għalkemm inqatgħet ukoll il-provista tal-elettriku. It-triq ewlenija ta’ Palu tinsab magħluqa fejn waqa’ pont kbir.

Iktar kmieni

Minn tal-inqas 30 persuna nqatlu wara terremot kbir u tsunami li laqtu l-Belt ta’ Palu fuq il-Gżira Saluwesi fl-Indoneżja. Dan ikkonfermah sptar tal-pajjiż ma’ Metro TV.

L-effetti tat-terremot li seħħ ilbieraħ baqgħu jinħassu sal-lum, speċjalment fl-inħawi tal-kosta, hekk kif mewġ ta’ żewġ metri ħaslu ż-żona turistika. It-terremot kien ta’ forza 7.5. Filmati li ntwerew minn stazzjonijiet tat-televiżjoni tal-pajjiż juru l-ilma baħar tiela’ għad-djar li jinsabu mal-kosta ta’ Palu, iġarrfu containers u saħansitra ntlaqtet Moskea.

Kelliem għall-Aġenzija Nazzjonali tad-diżastri fl-Indoneżja qal li l-iġsma tal-vittmi nstabu f’bosta żoni minħabba li jew intlaqtu mit-tiġrif jew inkella tkaxkru mill-mewġ. Tabib li tkellem ma’ Metro TV qal li s’issa nstabu 30 persuna mejta u 12 oħra ttieħdu għandu minħabba li ġarrbu xi feriti li kellhom bżonn attenzjoni immedjata.

Rapport dettaljat minn hawn.