Nepal: Tibda tasal l-għajnuna minn barra waqt li l-vittmi jaqbżu t-3,700

Aġġornata fl-4.30pm:
Fin-Nepal, bdiet tasal l-għajnuna umanitarja mill-pajjiżi fil-qrib fosthom miċ-Ċina, mill-Indja u mill-Pakistan hekk kif in-numru tal-vittmi qabeż it-3,700 u dawk midruba huma meqjusa madwar 6,500.
L-awtoritajiet tal-pajjiż qed jitolbu għall-għajnuna, fost l-oħrajn, għal kutri, ikel u ilma, imma anke ħelikopters u nies biex jgħinu fis-salvataġġ, hekk kif il-pajjiż spiċċa għarkubbtejh.
Skont l-awtoritajiet, jonqsu mill-inqas 80 tip ta’ mediċina u jinħtieġu iktar tined biex jingħataw lil dawk li spiċċaw mingħajr dar.

Aġġornata fil-11:30am:
Għadu tiela’ n-numru tal-vittmi fin-Nepal wara t-terremot tas-Sibt li għadda.
S’issa, l-għadd qabeż it-3,600 u mistenni jkompli jiżdied hekk kif il-ħaddiema tas-salvataġġ qed jaslu f’inħawi differenti.
Hemm biża’ li l-muntanja Everest ħalliet iktar vittmi li s’issa għadhom mhux identifikati waqt li l-awtoritajiet ta’ salvataġġ fil-pajjiż qed joqorbu lejn irħula remoti li mhux l-ewwel darba li spiċċaw mirduma minn blat li waqa’ fuqhom wara valangi fl-inħawi.
Il-periklu hu li ġġarrfu d-djar u li r-residenti, jekk salvaw, sfaw mingħajr kenn, mingħajr ilma u ikel. 

Iktar kmieni filgħodu:
L-ammont ta’ vittmi li ħalla warajh it-terremot li laqat in-Nepal nhar is-Sibt, żdied għall-madwar 3,200 persuna.
Uffiċjali tal-pajjiż qalu wkoll li madwar 6,500 persuna ndarbu u ġiet irrapurtata ħsara kbira f’diversi postijiet.
It-terremot ħalla mpatt ukoll fuq il-pajjiżi ġirien, jiġifieri l-Indja u ċ-Ċina fejn ġew irrapurtati wkoll xi mwiet. Kienu hemm ukoll diversi valangi fuq il-Muntanja Everest fejn minħabba l-maltemp kellha tieqaf it-tfittxija għal xi xabbaturi li fil-ħin tat-terremot kienu fuq il-Muntanja.
Intant Eluf ta’ persuni qattgħu t-tieni lejl jorqdu barra minħabba li sfaw bla djar.
Diversi għaqdiet umanitarji qed joffru l-għajnuna tagħhom. Fil-kapitali Kathmandu ttellgħu għadd ta’ tined għal dawk li tilfu d-djar tagħhom.