Terremot maġġuri fl-Indoneżja jħalli 100 persuna mejta

Ħaddiema tas-salvataġġ Indoneżjani u suldati mill-armata komplew bit-tfittxija tagħhom għal persuni li setgħu salvaw minn terremot maġġuri ta’ 6.9 fuq l-iskala Richter, fl-Indoneżja. Sa issa tilfu ħajjithom 100 persuna inkluż tnejn mill-gżira ta’ Bali u n-numru huwa mistenni li jiżdied.

Huma fittxew aktar vittmi fil-gżira turistika ta’ Lombok  jumejn wara li t-terremot qered irħula u ħalla eluf ta’ nies fit-toroq.

Sutopo Purwo Nugroho, kelliem għall-Aġenzija għall-Interventi f’Diżastri (BNPB) qal fuq Twitter li l-ħaddiema ta’ salvataġġ kienu qed ifittxu qalb it-tifrik għal persuni li setgħu salvaw.

Fi stqarrija separata l-BNPB qalet li l-ħidma ta’ salvataġġ qed tiffaċċja diffikultajiet, bħal pontijiet imġarrfa fiz-zona li ntlaqtet l-agħar fit-Tramuntana ta’ Lombok iżda ma provdietx aktar dettalji.