L-ebda talba għall-għajnuna wara terremot qrib ħafna tal-ġżejjer Maltin

Ma kienx hemm talbiet għall-għajnuna wara li terremot li tkejjel 4.4 fuq l-iskala Richter seħħ qrib ħafna tal-ġżejjer Maltin.
Kelliem għall-Protezzjoni Ċivili qal ma' Newsbook.com.mt li filwaqt li kien hemm persuni li ċemplu biex jistaqsu jekk kienx seħħ terremot ma kellhomx talbiet għall-għajnuna.
Skont l-Uffiċċju tas-Siżmoloġija fl-Università ta’ Malta, dan it-terremot li dam bosta sekondi, seħħ daqs 40 kilometru 'l barra mill-kosta fil-lvant ta' Malta u f'fond ta' 39 kilometru.
It-terremot seħħ għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija u t-theżżiża qawwija nħasset f’bosta lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Ftit qabel, iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Terremoti fl-Italja rreġistra terremot ieħor żgħir fl-istess post li tkejjel 2.6 fuq l-iskala Richter.
Persuni li għamlu kuntatt ma’ Newsbook.com.mt qalu li t-theżżiża nfirxet f’ħafna lokalitajiet mill-Belt Valletta sa postijiet oħra bħal Ħ’Attard, is-Siġġiewi, Ħal Safi u l-Mellieħa f'Malta. 
F'Għawdex, it-terremot inħass f'ħafna lokalitajiet fosthom f'Għajnsielem, fix-Xagħra, fir-Rabat u f'Marsalforn.
Jirriżulta li f'xi postijiet kien hemm persuni li ħarġu barra fit-triq bil-biża' u oħrajn li waqgħulhom oġġetti fid-dar jew fil-post tax-xogħol.
Is-seduta Parlamentari tal-lejla wkoll waqfet għal xi ħin minħabba t-theżżiża, bl-Ispeaker jitlob lill-Membri Parlamentari biex joħorġu mill-bini.
Terremot ieħor fl-istess inħawi qrib Malta seħħ ix-xahar li għadda u dakinhar kien tkejjel 3.8 fuq l-iskala Richter.